Is-sistema ta' għotjiet għal sistemi ta' enerġija rinnovabbli hija amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma sabiex tkompli tħeġġeġ l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli għall-użu domestiku.
Din l-iskema hija ffinanzjata permezz ta' Fondi Nazzjonali u tapplika għal individwi privati (persuni fiżiċi) għall-użu fuq il-propjetajiet residenzjali tagħhom, kif ukoll għal organizzazzjonijiet li ma jwettqux attività ekonomika.
Għażla A: 50% tal-infiq tal-pannelli u t-tank infushom, inkluż il-VAT, sa massimu ta’ €700.
Għażla B: 75% tal-infiq tas-‘Solar Water Heater’ innifsu, inkluż il-VAT sa massimu ta’ €1,400. Għajnuna addizzjonali ta’ €500 se tkun pprovduta wara 5 snin, sabiex tkopri spejjeż tal-manutenzjoni, wara li tiġi ppreżentata l-irċevuta maħruġa mill-fornitur.
Għażla Ċ: 50% tal-infiq tal-‘Heat Pump Water Heater’ innifsu, inkluż il-VAT, sa massimu ta’ €1,400.
Sabiex ikun eliġibbli, applikant:
- irid ikollu permess tal-ippjanar (fejn meħtieġ) għall-installazzjoni. Il-bini għandu jkun kopert ukoll b’permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar;
- irid ikun is-sid tal-propjetà JEW is-sid ta’ interess ta’ kera fit-tul tal-propjetà (ċjoè perjodu ta’ terminu ta’ kiri ta’ iktar minn 5 snin li fadal) bil-kunsensi kollha neċessarji mingħand is-sid tal-proprjetà. Jekk l-Applikant ikun sid konġunt tal-propjetà, l-Applikant hu intitolat li japplika għal għotja għan-nom tas-sidien konġunti l-oħra sakemm dawn ikunu qablu li l-Applikant jagħmel dan u sakemm ikun konformi kif meħtieġ ma’ dawn it-termini u l-kundizzjonijiet kollha. Il-propjetà trid tkun użata prinċipalment mill-Applikant jew il-familja tiegħu/tagħha għall-iskop tar-residenza privata tiegħu/tagħha stess. L-Applikant mhux intitolat jirċievi għotja jekk il-propjetà hi użata prinċipalment għal skopijiet ta’ negozju, inkluż il-kiri tal-proprjetà fuq bażi kummerċjali (anke jekk il-kerrej se juża l-propjetà għal skop residenzjali);
- ma jistax jikseb għotjiet jew sussidji oħra għal din is-sistema minn kwalunkwe skema oħra li tinkludi fondi nazzjonali jew pubbliċi bħal fondi tal-Gvern ta’ Malta jew fondi tal-UE;
- it-tagħmir għandu jkun installat f’bini residenzjali, u li dan ma jkunx użat mill-Applikant sabiex iwettaq attività ekonomika jew bħala intrapriża;
- m’għandux ikun qed japplika għan-nom ta’ intrapriża u m’għandux ikun sid il-kera tal-propjetà fejn hi installata s-sistema;
- irid jipprovdi lir-REWS dettalji ta’ kont bankarju li jippermetti li l-ammont tal-għotja jkun jista’ jiġi trasferit direttament fil-kont tal-Applikant;
- irid jippermetti Awdituri ta’ REWS sabiex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post tat-tagħmir installat u jiffaċilità dawn l-ispezzjonijiet;
- irid jaċċetta li isem l-Applikant flimkien mal-ammont ta’ għotja eliġibbli jistgħu jidhru fuq dokumenti pubbliċi.
Il-benefiċjarji tal-iskemi tas-‘Solar Water Heaters’ ta’ qabel is-sena 2021, kif ukoll benefiċjarji li jagħżlu li jmorru għal sistemi b’tank li mhux stainless steel jew ekwivalenti wara s-sena 2021, ser ikunu eliġibbli li japplikaw għat-tieni għotja, wara 5 snin mid-data tal-pagament tal-għotja oriġinali, sakemm jagħżlu biss l-iskema kif emendata b’installazzjoni ta’ sistema bit-tank tal-istainless steel jew ekwivalenti. Benefiċjarji li għażlu li jmorru għal tankijiet tal-istainless steel jew ekwivalenti wara is-sena 2020 ser ikunu awtomatikament eliġibbli għat-tieni għotja wara 10 snin mid-data tal-pagament tal-ewwel għotja.
Tankijiet li huma ekwivalenti għal dawk tal-istainless steel jistgħu jiġu aċċettati biss sakemm tiġi pprovduta garanzija ta’ 10 snin mill-fornitur lokali flimkien ma’ 10 snin garanzija provduta mill-manifattur.
Membri oħra tal-istess dar ma jistgħux japplikaw għal għotja fir-rigward tal-istess teknoloġija (i.e. Solar Water Heater, Solar Collectors, Heat Pump Water Heater jew pannelli u t-tank). Nuqqas adekwat ta’ espożizzjoni mix-xemx tas-sistema ta’ solar water heater jew solar collector jew pannelli u t-tank, jista’ jwassal għal diżkwalifika tal-installazzjoni.
Ir-REWS jirriserva d-dritt li jirrifjuta l-għotja u jieħu azzjoni legali sabiex jirkupra l-ammont mogħti bl-interessi u kwanlunkwe spejjeż oħra, f’każ li:
informazzjoni skorretta qed tiġi ddikjarata mill-Applikant fl-applikazzjoni;
xi kundizzjonijiet tal-iskema mhux qed jintlaħqu;
l-għotja diġà ġiet mogħtija;
raġunijiet oħra fejn l-intenzzjoni ‘bona fide’ tal-Applikant hija manifestament nieqsa.
Il-formola ta’ applikazzjoni hi maqsuma f’żewġ partijiet:
Parti A tikkonċerna l-applikazzjoni għall-għotja, li trid timtela’ mill-Applikant QABEL ma tinxtara/tinstalla t-teknoloġija.
Parti B hija t-talba għar-rimbors, li trid timtela’ mill-Applikant WARA li tkun inxtrat is-sistema (inkluż il-ħlas, l-installazzjoni u l-kummissjonar tat-tagħmir).
Importanti li wieħed jinnota li l-Applikazzjonijiet (Parti A (Applikazzjoni għall-Għotja), u Parti B (Talba għar-Rimbors)) għandhom jiġu sottomessi ‘online’, bil-posta jew bl-idejn personalment mill-Applikant jew minn persuni awtorizzatti mill-Applikant, fl-uffiċini tar-REWS matul il-perjodu stabbilit fl-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern.
Dokumenti meħtieġa
L-applikazzjoni (talba għall-ħlas lura) għandha tkun akkumpanjata mid-dokumentazzjoni elenkata hawn taħt:
Formola tal-applikazzjoni ffirmata ;
Koppja tal-Karta tal-Identità jew Dokument ta’ Residenza;
Kont tal- Elettriku maħruġ minn ARMS Ltd għall-post tal-proġett, f’isem l-applikant;
Riċevuta/i Fiskali Oriġinali;
Kopja tal-fattura/i;
Ritratti tal-pjanċi ta’ klassifikazzjoni tat-teknoloġiji installati;
Ritratti tas-sit tal-installazzjoni;
Fotokopja tal-Permess tal-PA (fejn meħtieġ);
Ċertifikat ta’ kummissjonar maħruġ minn inġinier elettriku awtorizzat.