Ħarsa ġenerali​

L-iskema tal-Ilma tal-Vit (TW) hija amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, biex jitnaqqas l-użu ta’ kontenituri tal-plastik użati għall-ibbottiljar tal-ilma, permezz ta’ water filtration system. Din l-iskema hija ffinanzjata minn fondi nazzjonali, u tapplika għal individwi privati (persuni fiżiċi) għal użu fil-propjetà residenzjali tagħhom, u għal organizzazzjonijiet li ma jwettqux attività ekonomika.

​X’ser​ tingħata

Sistema ta‘ filtrazzjoni tal-ilma. Perċentwali ta’ għajnuna u massimu: 60% fuq il-prezz tax-xiri u l-installazzjoni ta’ apparat tas-Sistema ta’ Filtrazzjoni tal-Ilma, suġġett għal għotja massima ta’ €100.

Eliġibbiltà​​

Sabiex ikun eliġibbli, l-applikant;
 

  • Irid ikun residenti ta’ Malta u għandu Karta tal-Identità skont l-Att tal-Karta tal-Identità jew permess ta’ residenza.
  • Jinstalla l-apparat f’bini residenzjali li mhux użat mill-applikant biex iwettaq attività ekonomika jew bħala intrapriża.
  • Irid ikun is-sid jew enfitewta tal-propjetà jew is-sid ta’ interess ta’ kera fit-tul tal-propjetà (ċjoe perjodu ta’ kirja li jeċċedi l-perjodu ta’ durabbiltà li fadal) bil-kunsensi kollha neċessarji mingħand is-sid tal-propjetà. Jekk l-applikant ikun sid konġunt tal-propjetà, l-applikant hu intitolat li japplika għal għotja għan-nom tas-sidien konġunti l-oħra sakemm dawn ikunu qablu li l-applikant jagħmel dan u sakemm ikun konformi kif meħtieġ ma’ dawn it-termini u l-kundizzjonijiet kollha. Il-propjetà trid tkun użata prinċipalment mill-applikant jew il-familja tiegħu/tagħha għall-iskop tar-residenza privata tiegħu/tagħha stess. L-applikant mhux intitolat jirċievi għotja jekk il-propjetà hi użata prinċipalment għal skopijiet ta’ negozju, inkluż il-kiri tal-propjetà fuq bażi kummerċjali (anke jekk il-kerrej se juża l-propjetà għal skop residenzjali).
  • Ma jistax jikseb għotjiet jew sussidji oħra għal din is-sistema jew għall-istess teknoloġija minn kwalunkwe skema oħra li tinkludi fondi nazzjonali jew pubbliċi bħal fondi tal-Gvern ta’ Malta. Dan japplika ugwalment għall-applikant jew għal kwalunkwe membru tal-istess dar.
  • M’għandux ikun qed japplika għan-nom ta’ intrapriża u m’għandux ikun sid il-kera tal-propjetà fejn hi installata s-sistema.
  • Jipprovdi lir-REWS dettalji ta’ kont bankarju personali (li juri lill-applikant bħala d-detentur) sabiex l-ammont tal-għotja jkun jista’ jiġi trasferit direttament fil-kont tal-applikant.
  • Jippermetti li organizzazzjonijiet relevanti involuti fl-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ din l-iskema, li jinkludu: REWS u Awtoritajiet nazzjonali u Awdituri, jispezzjonaw is-sistema fir-residenza tal-applikant wara li jkun ingħata avviż xieraq.
  • Jaċċetta li d-data tal-applikant flimkien mal-ammont ta’ għotja eliġibbli jistgħu jidhru fuq dokumenti pubbliċi jew jiġu ppubblikati fis-sit elettroniku tar-REWS.
     

Kif tapplika​

L-Ewwel Pass - Huwa importanti li l-Applikant jaqra s-sezzjonijiet kollha ta’ dawn il-Linji Gwida, kif ukoll il-kundizzjonijiet relatati ma’ din l-iskema fid-dettall.
 

It-Tieni Pass - Huwa rekkomandat li l-Applikanti jeżaminaw id-domanda għall-ilma tax-xorb fid-dar, sabiex jiddeterminaw it-tip u l-kobor addattat tas-sistema meħtieġa. Huwa rrakkomandat li l-applikant jagħmel kuntatt ma’ iktar minn fornitur potenzjali wieħed.
 

It-Tielet Pass - Meta l-installazzjoni tal-apparat tkun lesta, l-Applikant għandu jimla’ l-applikazzjoni tal-iskema tal-għotja (talba tar-rimbors), inkluż id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa u jkunu sottomessi lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) online, bil-posta jew personalment bl-idejn fl-uffiċini tar-REWS. L-Applikazzjoni trid tasal fl-uffiċini tar-REWS fi żmien sitt (6) xhur mid-data ta’ xiri indikata fuq l-aħħar irċevuta fiskali jew sad-data ta’ terminazzjoni tal-iskema kif indikat fil-Gazzetta tal-Gvern, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

Nota li f’dan l-istadju, l-applikazzjoni ma tkunx evalwata, wisq inqas approvata.

 

Ir-Raba’ Pass - Wara li jirċievi l-applikazzjoni (talba għar-rimbors) mingħand l-Applikant, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jassessja t-talba għar-rimbors u d-dettalji tas-sistema installata, meta mqabbla mal-kriterji tal-eliġibilità f’dawn il-linji gwida.


F’każ li l-applikazzjoni tiġi aċċettata: Jekk il-kriterji tal-iskema jintlaħqu u l-applikazzjoni tkun mimlija b’mod korrett, l-għotja titħallas lill-Applikant permezz ta’ trasferiment bankarju. Għal dan il-għan, ir-REWS jagħmel użu mid-dettalji bankarji pprovduti mill-Applikant fl-applikazzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-Applikant li jiżgura li d-dettalji tal-kont tal-bank ikunu korretti.

F’każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda: Ittra ta’ ċaħda tintbagħat lill-applikanti li ma jkunux konformi. F’din l-ittra tiġi indikata r-raġuni għalfejn l-applikazzjoni tkun ġiet miċħuda. Talbiet għal reviżjoni tad-deċiżjoni minn applikanti miċħuda jiġu assessjati mill-Kumitat ta’ Reviżjoni, maħtur speċifikament sabiex jikkonsidra oġġezzjonijiet dwar deċiżjonijiet meħuda taħt din l-iskema. L-applikanti jiġu infurmati bid-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni.

 

Il-Ħames Pass - Wara li jkun sar il-ħlas, l-Applikant xorta jkun meħtieġ jipparteċipa fi kwalunkwe awditjar li jista’ jsir matul il-perjodu ta’ durabilità.

Dokumenti meħtieġa

Il-formola għandha tkun akkumpanjata mad-dokumentazzjoni msemmija hawn taħt:
 

  1. Kopja diġitali tal-Karta tal-Identità tal-Applikant / Dokument ta’ Residenza.
  2. Kopja diġitali tal-kont tal-elettriku li nħareġ fl-aħħar 12-il xahar, f’isem l-applikant. L-iskema tal-konsumatur trid tkun ‘Residenzjali’ jew ‘Domestika’.
  3. Kopja diġitali tal-irċevuta fiskali datata maħruġa f'isem l-applikant li tipprovdi dettalji tal-oġġett/i mixtrija.

 

applika