Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit ieħor impostat taħt dawn il-Linji Gwida, Applikant potenzjali għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta hawn taħt sabiex il-Formola ta' Applikazzjoni tiġi kkunsidrata mill-MDIA:
a) Ikollu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
i. Kwalifika fit-Teknoloġija Innovattiva fil-livell 6 tal-MQF jew ogħla, kif meqjus xieraq mill-Awtorità; jew
ii. Ċertifikat ta' prattika fl-Awditjar skont il-Liġi dwar il-Professjoni tal-Kontabilità, Kapitolu 281 tal-Liġijiet ta' Malta, jew ir-regolamenti relatati; jew
iii. Ċertifikati minn istituzzjonijiet uffiċjali ta' kontroll tal-kwalità, jew entitajiet b'kompetenza rikonoxxuta, li jattestaw kompetenza fit-Teknoloġija Innovattiva u/jew fl-awditjar (eż. CISA jew simili), kif meqjus xieraq mill-Awtorità; jew
iv. Evidenza ta' ħames (5) snin ta' meritu tekniku fit-Teknoloġija Innovattiva u/jew fl-awditjar ibbażat fuq standards stabbiliti fl-awditjar (eż ISAE 3000), kif meqjus aċċettabbli fid-diskrezzjoni esklussiva tal-MDIA;
b) Jipprovdi evidenza, li fid-diskrezzjoni esklussiva tal-MDIA tipprova meritu tekniku f':
i. oqsma tal-ICT u/jew is-Sigurtà tal-Informazzjoni u/jew iċ-Ċibersigurtà u/jew id-Data u/jew l-Identità Diġitali u/jew it-Teknoloġija Innovattiva kif definita taħt il-Liġi tal-MDIA jew dokumentazzjoni obbligatorja maħruġa mill-MDIA; jew
ii. awditjar ibbażat fuq standards stabbiliti fl-awditjar (bħal ISAE 3000) tal-IT/Riskju/Sigurtà
c) Ikollu kondotta tajba u jkun kompetenti u xieraq;
d) Ikollu għarfien stal-liġijiet, it-teknoloġiji, l-istandards, ir-regolamenti u l-linji gwida applikabbli relatati mar-rwol tat-TENPs;
e) Ikollu għarfien sod tal-MDIA u tal-inizjattiva, programm jew skema immexxija mill-MDIA;
f) Ikun konformi mal-obbligi meħtieġa f'dawn il-Linji Gwidi u mat-termini u l-kundizzjonijiet ta' inizjattiva, programm, jew skema speċifika;
g) Ikollu l-kapaċità li jitkellem, jaqra u jikteb bl-Ingliż b'mod effiċjenti;
h) Ikun:
i. ċittadin ta' Malta; jew
ii. ċittadin ta' pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandu dritt għal trattament ugwali maċ-ċittadini Maltin f'materji ta' impjieg b'virtù tal-leġiżlazzjoni tal-UE u d-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
iii. ċittadin ta' kwalunkwe pajjiż ieħor li għandu dritt għal trattament ugwali maċ-ċittadini Maltin f'materji relatati mal-impjieg b'virtù tal-applikazzjoni f'dak il-pajjiż tal-leġiżlazzjoni tal-UE u d-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; jew
iv. kull persuna oħra li għandha dritt għal trattament ugwali maċ-ċittadini Maltin f'materji relatati mal-impjieg skont il-liġi jew il-leġiżlazzjoni u d-dispożizzjonijiet tat-trattati tal-UE msemmija hawn fuq, minħabba r-relazzjoni familjari tagħhom ma' persuni msemmija fil-paragrafu (i), (ii) jew (iii); jew
v. ċittadin ta' pajjiż terz li ngħata l-istatus ta' resident għat-tul f'Malta skont ir-Regolament numru 4 tar-Regolamenti dwar l-Istatus ta' Residenti għat-tul (Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi), 2006, jew li ngħata permess ta' residenza skont ir-Regolament 18(3) tiegħu, flimkien mal-membri tal-familja ta' dawk iċ-ċittadini ta' pajjiż terz li ngħataw permess ta' residenza skont ir-Regolamenti dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familja, 2007; jew
vi. f'possessjoni ta' dokument ta' residenza maħruġ skont ir-Regolamenti dwar l-Istat ta' Residenza ta' Ċittadini tar-Renju Unit u l-Membri tal-Familja tagħhom f'Malta skont il-Ftehim dwar il-irtirar tar-Renju Unit u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
Applikant TENP li ma jissodisfax ir-rekwiżiti H(i-vi) jista' jkun meħtieġ li jinnomina aġent residenti skont id-diskrezzjoni esklussiva tal-MDIA. Riferixxi għall-'Gwida dwar l-Aġent Residenti' rilevanti kif ippubblikata mill-Awtorità għal aktar gwida.
i) Skont id-diskrezzjoni esklussiva tal-MDIA, jitqies bħala TENP xieraq fil-qasam tal-ICT u/jew is-Sigurtà tal-Informazzjoni u/jew iċ-Ċibersigurtà u/jew id-Data u/jew l-Identità Diġitali u/jew it-Teknoloġija Innovattiva kif definit taħt l-Att tal-MDIA jew dokumentazzjoni obbligatorja maħruġa mill-MDIA;
j) Tissottometti il-Formola ta' Applikazzjoni TENP li tista' titniżżel mis-sit tal-MDIA, tiġbor id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa fil-forma ta' appendiċi biex tkun sodisfaċenti għall-Awtorità u tħallas kwalunkwe ħlas amministrattiv, jekk applikabbli;
L-evidenza kollha ppreżentata mill-Applikant tintuża mill-MDIA fid-diskrezzjoni esklussiva tagħha biex tiddetermina l-eliġibbilta.