Revoka ta’ prokuri ta’ tip ġenerali bejn persuni fiżiċi u/jew Revoka ta’ Prokuri Speċjali bejn Persuni rigward Trasferiment ta’ Propjeta’ Immobbli biss
Prokura ġenerali jew speċjali tista' tiġi revokata biss online. L-applikanti jistgħu jew jirrevokaw prokura ġenerali/speċjali speċifika billi jehmżuha u jissottomettuha mal-formola online JEW jiddeċiedu li jirrevokaw il-prokuri ġenerali/speċjali kollha mogħtija minnhom sa dakinhar. L-applikazzjonijiet sottomessi online jiġu pproċessati matul il-ħinijiet tax-xogħol tal-Uffiċċju sa mhux aktar tard mit-15:00. Għal kull applikazzjoni sottomessa jkun meħtieġ ħlas ta' €50,(Jekk timmarka waħda mill-kaxex biex tirrevoka prokura ġenerali jew prokura speċjali) jew ħlas ta’ €100 (Jekk timmarka ż-żewġ kaxex sabiex tirrevoka kemm prokuri ġenerali kif ukoll prokuri speċjali) liema ħlas jiġi rimborżat fi żmien 10 ijiem f'każ ta' rifjut tal-applikazzjoni. Madankollu, l-applikanti għandhom jinnotaw li, anke meta jkun hemm rifużjonijiet pendenti fir-rigward tagħhom, kwalunkwe applikazzjoni ġdida min-naħa tagħhom xorta tkun teħtieġ ħlas ta' €50 (jew €100 skont il-każ).
Jekk l-applikazzjoni tiġi approvata, l-applikant, flimkien man-nutara, banek lokali u entitajiet oħrajn interessati kollha jiġu nnotifikati awtomatikament bl-email. Jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda, l-applikant jiġi nnotifikat bir-riżultat permezz ta' email li tiddikjara wkoll ir-raġuni/jiet għar-rifjut.